Move 360 huwa proġett pilota ta’ SportMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Health Promotion Unit, St James Capua Hospital u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).  L-għan ta’ dan il-poġett pilota huwa li trawwem f’dawn it-tfal id-drawwa li jieklu tajjeb u li jagħmlu attivita’ fiżika iktar min-normal.  Madanakollu Move 360 jmur lil hinn minn hekk, għaliex ser ikun qiegħed jagħmel paragun ma’ tfal oħrajn li mhux qed isegwu l-programm biex eventwalment isir magħruf jekk il-proġett pilota kienx effettiv u jekk laħaqx l-objettiv impost.

L-isem ta’ dan il-proġett pilota kien imnebbaħ fuq it-tema li t-tfal ser jkunu qed jagħmlu 360 minuta t’eżerċizzju iżjed fil-ġimgħa. Dan il-programm qed jieħu ħsieb lit-tfal fi tlett oqsma tal-ħajja tagħhom; l-ikel, l-eżerċizzju u l-lat akkademiku.  Il-proġett huwa mifrux fuq medda ta’ sitt xhur, f’liema perjodu ta’ żmien it-tfal ser ikunu taħt osservazzjoni.  Filfatt qabel beda dan il-proġett it-tfal ġew eżaminati minn speċjalisti u dawn ser jibqgħu jkunu osservati tul il-proċess kollu.  Minbarra dan, it-tfal ser ikollhom ukoll appuntament regolari ma’ dentisti mill-Isptar Mater Dei.

F’dan il-proġett pilota qed jipparteċipaw l-istudenti tal-ħames klassi ta’ tlett kulleġġi; Santa Margerita, San Benedittu u San Ġorġ Preca.  Matul l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, saru diskussjonijiet mal-WHO fejn ġie determinat liema gruppi ta’ tfal għandhom jiġu segwiti.

It-tfal tal-Kulleġġ Santa Margerita qed jattendu darbtejn fil-ġimgħa wara l-ħin tal-iskola sal-5.30pm.   It-tfal qed ikunu miġbura, permezz ta’ trasport provdut mill-proġett, minn kull skola u meħudha l-Kumpless ta’ SportMalta fil-Kottonera u lura lejn id-dar wara li jispiċċaw is-sessjonijiet.  Waqt li jkunu fil-Kumpless, it-tfal qed jippreparaw l-ikel, jieklu, jagħmlu x-xogħol tal-iskola u fuq kollox jagħmlu attivita’ fiżika.  It-tfal li huma 25 b’taħlita ta’ subien u bniet mill-Iskejjel tal-Birgu, Bormla, Isla, Kalkara u Xgħajra qed ikunu mgħejuna minn għalliema, Learning Support Assistants u għalliema tal-edukazzjoni fiżika.

Intant Move 360 qed joffri programm speċifiku ta’ attivita fiżika wara l-ħin tal-iskola għat-tfal tal-Kulleġġ San Benedittu.  L-għan ta’ dan il-programm huwa li dawn it-tfal iżidu l-attivita’ fiżika f’ħajjithom u b’hekk ikunu aktar b’saħħithom, billi jibqgħu għall-attivitajiet sportivi fir-raħal tagħhom.