Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Illum saret żjara mill-Ministru Dr Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Dr Clifton Grima fil-Football Pitch f’Marsascala. Permezz ta’ fondi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-ħidma tal-Works Department, qed isir xogħol estensiv sabiex jinbena football pitch attrezzat f’din il-parti ta’ Malta.

Il-Ministru Borg faħħar ix-xogħol li jsir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, liema Direttorat huwa maqsum kemm f’sezzjonijiet ta’ ħaddiema professjonisti li jagħtu s-sapport meħtieg lill-Ministeri u entitajiet Governattivi fl-ippjanar tal-proġetti kapitali; kif ukoll permezz ta’ sezzjonijiet magħmula mill-ħaddiema tal-id u snajja importanti fil-fażi ta’ implimentazzjoni. Sostna li l-irwol għall-ġejjieni tal-istess Dipartiment għandu jkompli jevolvi mar-realtajiet li qed jesperjenza pajjiżna llum il-gurnata u jinsab konvint li l-ħaddiema kollha ser ikunu protagonisti f’dan kollu.

Dan il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ pitch tal-football bil-faċilitajiet kollha adattati, fosthom changing rooms, ġibjun, restaurant/cafeteria, substation u faċilitajiet oħra għan-nursery, u se jkun mgħoddi lill-klabb tal-football fi stat komplut. Dan jinkludi servizzi ta’ dawl u ilma, madum, kisi, aperturi u railings tal-ħadid, filwaqt li l-pitch ser jitlesta b’turf artifiċjali, flood lights u soft fence. Bħalissa bdiet it-tħejjija għax-xogħol ta’ taħmil u skavar wara li s-servizzi kollha li kienu jiffurmaw parti mill-infrastruttura tal-family park ġew skonnettjati.

Ix-xogħol, li beda matul dawn l-ahhar gimghat tas-sajf, mistenni jitlesta fi żmien sena, u l-proġett kollu ser jiswa €2.2 miljun. Dr Borg awgura l-ħidma t-tajba lil kull min qiegħed jikkontribwixxi għat-twettieq ta’ dan il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal li l-gvern qiegħed jiffoka fuq it-titjib ta’ faċilitajiet eżistenti, flimkien mal-bini ta’ oħrajn ġodda. Dan mhux qiegħed jiġri biss għall-football, imma għal tipi oħra ta’ sport differenti. Il-gvern qiegħed jirsisti sabiex l-isport isir parti mill-ħajja tal-pubbliku ġenerali.

Dr Grima żied jgħid li kull klabb għandu jinsisti li jkollu l-aqwa faċilitajiet possibli, imma li għandu wkoll jieħu ħsieb dawk li diġà għandu, sabiex dawn jiġu użati bl-aħjar mod possibli u ssir manutenzjoni adattata. Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar il-liġi li permezz tagħha, dawn il-faċilitajiet jistgħu jintużaw b’mod kummerċjali, sabiex kull assoċċjazzjoni jew klabb isir awtosuffiċjenti.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”