Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Wara is-suċċess tal-ewwel Forum Nazzjonali tal-Isport, SportMalta diġa bdiet taħdem fuq diversi proġetti u inizzjattivi oħra fejn fost l-oħrajn għal sena oħra ser tissieħeb ma’ ISCA (International Sport and Culture Association) sabiex torganizza Move Week bejn it-23 u d-29 ta’ Mejju.  Move Week hija parti mill-kampanja NowWeMove li se tara l-bidu tagħha propja fl-1 ta’ Mejju permezz ta’ Open Day fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.  Għal din l-attivita’ ġie mħejji programm vast fejn il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn għawm, canoe polo, waterpolo u ħafna inizjattivi oħra biex b’hekk tkompli tikber il-kunxjenza dwar ir-rabta bejn is-saħħa fiżika u l-isport.  Il-Kap Ezekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar tenna li din se tkun okkażżjoni fejn SportMalta tiftaħ il-bibien għal kulħadd, bil-fondi kollha miġbura jmorru għall-Marigold Foundation.  SportaMalta b’dan il-ġest tkun qed tilħaq l-objettiv favur l-inklużjoni soċjali.

Fl-indirizz tiegħu Mark Cutajar elenka lista t’attivitajiet sportivi li ser jiġu organizzati bħala parti mill-kampanja NowWeMove, fosthom ‘No Elevators Day’ flimkien ma attivitajiet oħra bis-sehem ta’ diversi assoċjazzjonijiet u oħrajn bl-involviment tat-tfal tal-iskejjel li se jibqgħu għaddejin sax-xahar ta’ Settembru.  NowWeMove hija inizjativa ta’ ISCA bl-għan prinċipali jkun li jċaqalqu 100 miljun ċittadin ewropew sas-sena 2020.

Filfatt kien preżenti Jacob Schouberg, is-segretarju ġenerali ta’ ISCA li stqarr li jinsab kuntent li permezz ta’ din il-kampanja qed tiġi ndirizzata l-inattivita’ fil-pajjizi Ewropej u anke permezz tagħha jitnaqqas id-distakk bejn il-pajjiżi.  Huwa qal li jinsab sodisfatt ħafna bil-programm ta’ Malta u li s-sehem ta’ pajjiżna qed sservi ta’ eżempju għal pajjiżi oħra.

SportMalta laħqet ftehim biex għal dawn is-sentejn li ġejjin l-attivitajiet marbutin mal-kampanja NowWeMove ikollhom is-sostenn tal-Coca-Cola Foundation. Indirizza lil dawk preżenti l-General Manager ta’ GSD Marketing, Brian Galea li qal li “Aħna nagħrfu li s-sostenibbiltà tan-negozju tagħna hija dipendenti fuq is-sostenibbiltà tal-komunitajiet li fihom noperaw. Mill-perspettiva tagħna, noperaw f’soċjetajiet u mhux fi swieq. Din hija r-raġuni għaliex nappoġġjaw bi ħġarna li l-komunitajiet lokali jiġu offruti programmi bħal NowWeMove li jikkontribwixxu għall-benesseri tal-konsumaturi tagħna. L-għan ta’ NowWeMove huwa li tiġi promossa parteċipazzjoni akbar fl-isport u l-attività fiżika fost nies ta’ kull età f’Malta.”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien varat ukoll il-programm Summer On The Move.  Programm li qiegħed kull ma jmur jiġbed aktar l-interess tal-pubbliku nġenerali, bl-aħħar edizzjoni tilħaq 6000 ruħ.  Il-prezz tas-sessjonijiet baqa’ wieħed ferm baxx biex b’hekk jilħaq aktar nies.  Tajjeb wieħed isemmi li għall-ewwel darba s-sessjonijiet ta’ Summer on the  Move ser isiru wkoll f’Għawdex.  L-applikazzjonjiet huma miftuħin u jinsabu fuq is-sit eletroniku ta’ SportMalta.

Iċ-Ċermen ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, tkellem dwar kif SportMalta tħoss il-ħtieġa li tingħata l-importanza mistħoqqa lill-attivita’ fiżika u kien għalhekk li ngħaqdet ma’ ISCA f’din il-kampanja biex kulħadd jkun attiv.  Huwa spjega kif minbarra li toffri aktar programmi u inizzjattivi li jattiraw il-pubbliku, SportMalta trid tkun l-ixprun biex tbiddel il-mentalita inattivita’ tal-Maltin.  Huwa spjega kif qed tkompli tilħaq dan l-għan billi torganizza attivitajiet għall-istudenti fl-iskejjel permezz tal-isport promotion unit (SPU) li fost l-oħrajn reġa’ qajjem t-tournaments tal-iskejjel.  Filfatt waqt il-konferenza kienet għaddejja il-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-waterpolo tournament.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius aċċenna għall-proġetti li mbarkat fuqhom l-entita’ biex dejjem titnaqqas l-obeżita.  Huwa spjega kif SportMalta bħalissa għaddejja f’ħidma sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jkunu mibdija tlett proġetti li jinkludu padiljun tal-basketball ġdid, l-indoor pool, u xogħol fil-Marsa.  Huwa tenna li dalwaqt ser ikunu uffiċjalment inawgurati tlett progetti li tlestew li huma il-padiljun tal-Judo, il-warm up track tal-atletika fil-Marsa u t-tinda tar-range tal-isparar f’Għawdex.

 

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”