Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Minn għada l-familja sportiva nazzjonali ser ikollha iktar minn gimgħa ta’ diskussjoni dwar l-isport f’pajjiżna waqt serje ta’ seminars u workshops.  Dawn ser jilħqu l-qofol tagħhom b’Forum Nazzjonali li se jkun mifrux fuq jumejn fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop propju fit-22 u 23 ta’ April 2016.

Il-Forum se jilħaq mhux biss lil dawk li huma direttament involuti fl-isport iżda wkoll setturi oħra li b’mod indirett jew dirett jiġu affetwati mill-isport u li permezz tiegħu jistgħu jtejjbu l-ħajja personali tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius spjega kif dan il-forum qed jilħaq il-viżjoni tal-Gvern li jsir xogħol b’kollaborazzjoni mal-ministeri oħra.  Dan għaliex f’dan il-forum, minbarra l-Ministeru tal-Edukazzjoni, huma nvoluti entitajiet oħra fosthom il-PBS, id-dipartimenti tas-saħħa u tas-saħħa mentali, Agenzija Żgħażagħ, LGA, MTA, l-Universita’ u l-MCAST u s-servizz ċivili in ġenerali.

Forum bħal dan sostna s-Segretarju Parlamentari jixhed kemm SportMalta tul dawn l-aħħar snin għaddiet minn żminijiet eċitanti, nteressanti u mpenjattivi.  Huwa saħaq li l-entita` ser tibqa timpenja ruħha sabiex tkompli tiġġedded u tissaħħaħ għal ġid tal-isport lokali.

Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, spjega kif se jkun imqassam kemm il-Forum, kif ukoll is-seminars li se jippreċedu dan l-avveniment.  Filfatt qabel il- Forum se jkun hemm numru ta’ seminars fosthom l-irwol taċ-ċivil u l-ħaddiema tiegħu fl-isport, l-attivitajiet u l-amalgamazzjoni bejn l-isport u ż-żgħażagħ, l-mod ta’ kif Għawdex u l-Għawdxin jistgħu jtejbu l-livell tagħhom, kif l-isport fl-iskejjel jista’ jtejjeb il-kwalita` u jkun aktar innovattiv u kif il-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jersqu lejn xulxin u għalhekk ikunu aktar effettivi.

Huwa tkellem ukoll dwar il-preżentazzjonijiet li se jsiru fil-jumejn tal-Forum fejn jispikkaw  temi marbuta mal-Unjoni Ewropeja hekk kif SportMalta dieħla b’entużjażmu kbir għas-sena 2017 u l-Presidenza Maltija. Filfatt se ssir preżentazzjoni minn membri tal-Kummissjoni fosthom il-Kap tal-Programmi Sportivi fl-Unjoni Ewropeja Yves La Losteque,  dwar r-rilevanza tal-Presidenza Ewropeja għall-assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet u klabbs li huma reġistrati kif ukoll se jkunu trattati t-temi tal-volontarjat u l-inkluzjoni soċjali li huma priorita’ tal-Presidenza Maltija.  Il-Forum se jilqa` wkoll uffiċjali għolja oħrajn minn barra l-pajjiz fejn preżenti se jkun hemm, il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Hockey Marijke Fleuren, l-ex tennista Taljan Nicola Pietrangeli, kif ukoll Marcello Presilla li huwa membru fil-bord maniġerjali ta’ Sport Radar il-kumpanija li tagħmel moniteraġġ tal-imħatri fis-settur Ewropew inkluż f’Malta.

Luciano Busuttil , Cermen ta’ SportMalta qal li dan il-Forum  ser iservi sabiex SportMalta u l-Gvern jisma` l-istakeholders kollha li jimiltaw fl-isport, jisma l-esperjenzi tagħhom u wara jimplimenta r-rakomandazzjonijiet li jippreżentaw.  Dan il-Forum ser iservi wkoll ta’ pjattaforma ta’ x’nistennew mill-Presidenza Maltija tal-UE.   Dr Busuttil saħaq li dan il-forum m’għandux jilħaq biss lil atleti u dawk l-persuni stabbiliti fl-isport imma għandu jkompli jqajjem kuxjenza li l-Isport huwa għal kulħadd.

Ser isiru sitt seminars bejn l-jum ta’ għada u nhar il-Ħamis li ġej biex imbagħad il-Ġimgħa 22 jibda l-Forum Nazzjonali tal-Isport li jintemm is-Sibt 23 ta’ April.

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”