Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Move 360 huwa proġett pilota ta’ SportMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Health Promotion Unit, St James Capua Hospital u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).  L-għan ta’ dan il-poġett pilota huwa li trawwem f’dawn it-tfal id-drawwa li jieklu tajjeb u li jagħmlu attivita’ fiżika iktar min-normal.  Madanakollu Move 360 jmur lil hinn minn hekk, għaliex ser ikun qiegħed jagħmel paragun ma’ tfal oħrajn li mhux qed isegwu l-programm biex eventwalment isir magħruf jekk il-proġett pilota kienx effettiv u jekk laħaqx l-objettiv impost.

L-isem ta’ dan il-proġett pilota kien imnebbaħ fuq it-tema li t-tfal ser jkunu qed jagħmlu 360 minuta t’eżerċizzju iżjed fil-ġimgħa. Dan il-programm qed jieħu ħsieb lit-tfal fi tlett oqsma tal-ħajja tagħhom; l-ikel, l-eżerċizzju u l-lat akkademiku.  Il-proġett huwa mifrux fuq medda ta’ sitt xhur, f’liema perjodu ta’ żmien it-tfal ser ikunu taħt osservazzjoni.  Filfatt qabel beda dan il-proġett it-tfal ġew eżaminati minn speċjalisti u dawn ser jibqgħu jkunu osservati tul il-proċess kollu.  Minbarra dan, it-tfal ser ikollhom ukoll appuntament regolari ma’ dentisti mill-Isptar Mater Dei.

12592419_872959906158207_2089096940267563396_n

F’dan il-proġett pilota qed jipparteċipaw l-istudenti tal-ħames klassi ta’ tlett kulleġġi; Santa Margerita, San Benedittu u San Ġorġ Preca.  Matul l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, saru diskussjonijiet mal-WHO fejn ġie determinat liema gruppi ta’ tfal għandhom jiġu segwiti.

It-tfal tal-Kulleġġ Santa Margerita qed jattendu darbtejn fil-ġimgħa wara l-ħin tal-iskola sal-5.30pm.   It-tfal qed ikunu miġbura, permezz ta’ trasport provdut mill-proġett, minn kull skola u meħudha l-Kumpless ta’ SportMalta fil-Kottonera u lura lejn id-dar wara li jispiċċaw is-sessjonijiet.  Waqt li jkunu fil-Kumpless, it-tfal qed jippreparaw l-ikel, jieklu, jagħmlu x-xogħol tal-iskola u fuq kollox jagħmlu attivita’ fiżika.  It-tfal li huma 25 b’taħlita ta’ subien u bniet mill-Iskejjel tal-Birgu, Bormla, Isla, Kalkara u Xgħajra qed ikunu mgħejuna minn għalliema, Learning Support Assistants u għalliema tal-edukazzjoni fiżika.

Intant Move 360 qed joffri programm speċifiku ta’ attivita fiżika wara l-ħin tal-iskola għat-tfal tal-Kulleġġ San Benedittu.  L-għan ta’ dan il-programm huwa li dawn it-tfal iżidu l-attivita’ fiżika f’ħajjithom u b’hekk ikunu aktar b’saħħithom, billi jibqgħu għall-attivitajiet sportivi fir-raħal tagħhom.

12661782_872960319491499_3861255018542397478_n

Indirizza lil dawk preżenti, l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar li spjega kif dan il-proġett pilota qed jkun offrut b’xejn għas-sitt xhur li ġejjin grazzi għall-ħidma u s-sostenn ta’ bosta entitajiet li qed jaħdmu flimkien ma’ SportMalta.  Huwa semma kif dan il-programm jara li jagħti l-ħiliet neċessarji lill-parteċipanti wara l-ġurnata tal-iskola, filwaqt li fakkar li SportMalta ser tkun qed tippreżenta s-sejbiet tagħha fl-aħħar tal-proġett pilota lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u tul il-Presidenza tal-EU, bil-ħsieb li tkun mifruxa fuq il-pajjiż kollu.

Il-Ministru għax-xogħol u l-edukazzjoni Evarist Bartolo semma kif dan il-proġett huwa xempju ta’ prattika tajba li qed iġib flimkien is-settur privat flimkien mas-servizzi tal-gvern.  Huwa kompla jgħid li dan il-proġett pilota qed jkun ta’ ġid għal dawn l-istudenti, filwaqt li jara li l-iżvantaġġ soċjali li uħud minnhom jiffaċċjaw ma jkunx żvantagg tul il-ħajja kollha.  Huwa temm jgħid li qed jispera li s-sejbiet wara sitt xhur ikunu pożittivi u jkun jista’ jestendi dan il-proġett fuq il-bqija tal-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius li spjega kif bl-għaqal SportMalta kull ma jmur qed tiġġedded u tvarja inizzjattivi innovattivi varji.

Preżenti wkoll iċ-Ċermen ta’ SportMalta Luciano Busuttil u bosta rapreżentanti tal-entitajiet imsieħba f’dan il-proġett fosthom Benna Dairy Products Ltd,  Frott Artna,  Miller Distributors Ltd u Mater Dei Dentistry Department.

CategoryNews, SportMalta News
Tags

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”