Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima wera sodisfazzjon għall-ħidma li qed issir fuq it-tieni fażi tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali b’investiment ta’ madwar €1 miljun li huwa ffinanzjat permezz tal-iskema ta’ finanzjament għall-għaqdiet sportivi amministrata minn SportMalta.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li wara t-tlestija b’suċċess tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li bażikament kienet tikkonsisti fl-irranġar tal-istruttura oriġinali tal-azzar tal-padiljun kif ukoll fit-tiġdid tal-binja minn barra, issa bdew it-tieni fażi tal-proġett f’Ta’ Qali.

Huwa spjega kif it-tieni fażi se tikkonsisti fit-twaqqigħ komplet tal-istrutturi interni kollha madwar il-court fil-padiljun u se jinbnew erba’ stands ġodda għall-ispettaturi billi se jinbidlu ż-żewġ stands oriġinali fil-ġnub tal-court u se jiżdiedu 2 stands oħra wara l-baskets.

Minbarra l-istand għall-VIPs, l-istands il-ġodda se jiżguraw li l-faċilità tikseb żieda konsiderevoli fil-kapaċità tal-ispettaturi kif ukoll standards aħjar dwar l-aċċessibbiltà għal persuni bi bżonnijiet speċjali, f’konformità mal-istandards mistennija llum.

Parliamentary Secretary for Youth, Sport and Voluntary Organisations Clifton Grima visits ongoing works at the Basketball Pavilion

Railings ġodda se jiġu installati u l-court se jkun imdawwar b’tampered glass li se jttejjeb l-esperjenza tal-logħob. Il-proġett se jinkorpora wkoll il-kostruzzjoni ta’ changing rooms, toilets ġodda u spazju ddedikat għall-uffiċini għall-Assoċjazzjoni tal-Basketball Maltija.

Huwa qal li din il-faċilità se tkun ukoll parti mill-Infrastruttura Nazzjonali disponibbli għall-Logħob tal-Pajjiż ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE) li se jsiru f’Malta fl-2023.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li dan huwa wieħed minn serje ta’ proġetti li se jinfetħu sal-2023, is-sena tal-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar. Huwa qal li SportMalta taħdem id f’id mal-għaqdiet sportivi sabiex ikollna faċilitajiet fost l-aqwa fl-Ewropa.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Basketball Paul Sultana qal li l-padiljun il-ġdid sar bl-għajnuna tal-gvern u allura bix-xieraq li l-MBA tagħti xi ħaġa lura lill-komunità filwaqt li tiżgura li l-faċilitajiet ikunu utilizzati mill-aħjar mod possibbli. Huwa qal li l-Assoċjazzjoni hija kommessa li tkompli taħdem id f’id ma’ SportMalta sabiex jitkabbar aktar l-isport b’mod partikolari il-basketball f’pajjiżna.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”