Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Malta ingħaqdet ma’ 41 pajjiż minn madwar l-Ewropa għall-ħames edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport li saret bejn  it-23 u t-28 ta’ Settembru. Mijiet ta’ maltin ħadu sehem f’waħda mill-bosta attivitajiet organizzati minn SportMalta jew assoċjazzjonijiet sportivi lokali. Attivitajiet organizzati f’għadd ta’ lokalitajiet u li involvew tipi differenti ta’ sports.

Il-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropeja bil-għan li tippromwovi l-importanza ta’ ħajja  attiva u b’saħħitha. SportMalta hija l-entita’ li għall-ħames sena konsekuttiva ħadet ħsieb dan l-avveniment f’pajjiżna. Din is-sena, SportMalta iddeċidiet li tmur aktar viċin in-nies billi torganizza l-attivitajiet prinċipali fil-lokalitajiet minflok fil-kumplessi sportivi tagħha.

L-attivita’ tal-ftuħ saret fil-pjazza taż- Żejtun. Protagonisti kienu dixxiplini sportivi minn pajjiżi differenti fosthom il-Basketball (Stati Uniti), Zumba (Kolombja), KUBB (Zvezja), Tai Chi (Cina), il-Futbol (Italja) u l-logħba tradizzjonali maltija tal-Boċċi. Saru wkoll sessjonijiet ta’ fitness, mixjiet madwar ir-raħal taż-Żejtun flimkien ma’ attivitajiet oħra immirati għall-etajiet differenti, fosthom dawk ta’ ‘l fuq minn sittin sena.

Kien hemm ukoll wirja ta’ karozzi imtella’ minn Land Rover Owners Malta Club. Kienu involuti wkoll bosta organizzazzjonijiet volontarji u klabbs sportivi fosthom il-klabb tal-basketball ta’ Hibernians, il-klabb tal-Hockey ta’ Hal Qormi, il-Bicycle Advocacy Group u l-Malta Health Students Association.

Attivita’ oħra fil-lokalitajiet kienet serata ta’ żfin li saret fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid.  Il-pubbliku seta’ mhux biss isegwi iżda anke jieħu sehem f’varjeta’ ta’ żfin li mhux biss offra divertiment iżda serva ta’ mezz biex dawk preżenti jagħmlu attivita’ fiżika.

Kien hemm stili differenti ta’ żfin fosthom ZumbaSalsa u Line Dancing. Serata li għaqqdet divertiment ma’ attivita’ fiżika permezz ta’ żfin sempliċi li seta’ jieħu sehem fih kulħadd.

Saru wkoll workshops fis-Salsa u l-Line Dancing fejn dawk preżenti setgħu jitgħallmu il-bażi ta’ dawn l-istili ta’ żfin u jesperjenzaw il-pjaċir li joffru.

Apparti l-attivitajiet organizzati direttament minn SportMalta ittellgħu oħrajn minn assoċjazzjonijiet jew klabbs differenti.

Waħda minnhom kienet ġurnata ta’ attivitajiet sportivi organizzata f’Birzebbuġa bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-lokal.

Bosta klabbs u għaqdiet ta’ Birzebbuga ingħaqdu flimkien u ħadu sehem f’ nofs ta’ nhar ta’ sport fosthom Waterpolo, Futbol, Ibburdjar, Qdief , BMX Jams u Skating. Ġurnata li kienet eżempju ta’ kif l-isport jista’ jgħaqqad komunita’ sħiħa.

Ftit tal-ġranet wara, fil-kumpless sportiv Tal-Qroqq, sar turnament għall-veterani tal-Handball li fih ħadu sehem ex plejers ta’ din id-dixxiplina sportiva u li għal bosta snin lagħbu fil-kompetizzjonijiet u kampjonati ewlenin. Ħafna minn dawn il-plejers kienu jagħmlu parti mit-timijiet nazzjonali.

Għal din l-okkazjoni, dawn il-plejers tal-Handball insew ir-rivalita’ sportiva u qattgħu ħin twil jilgħabu l-logħba li tant ikkompetew fiha ħafna snin ilu. Il-plejers kienu ġejjien minn klabbs differenti u ewlenin u t-turnament bejniethom sar fi spirtu sportiv u ta’ ħbiberija.

Il-Malta Employees Sports Association organizzat ġurnata ta’ sports fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-ħaddiema u impjegati. L-attivita’ bl-isem Workplace Sport Event kienet tinkludi turnaments tal-Volleyball, Table Tennis, Futbol tan-nisa u għall-plejers irġiel ta’ ‘l fuq minn 35 sena flimkien ma’ ġirja ta’ ħames kilometri.

Filgħodu ġie organizzat turnament tal-Volleyball (Mixed), li fih ħadu sehem erba’ timijiet, kif ukoll turnament individwali tat-Table Tennis bis-sehem ta’ disa’ plejers. Wara nofsinhar saru żewġ turnaments tal-Futbol, wiehed għall-irġiel li għalqu l-35 sena fejn ħadu sehem sitt timijiet, u ieħor għan-nisa bis-sehem ta’ tlett timijiet. Sar ukoll turnament tal-Badminton, li fih ħadu sehem sittax -il plejers.

L-aħħar attivita’ kienet il-ġirja ta’ hames kilometri li fiha ħadu sehem 76 atleta, fejn fil-kategorija maskili ħareg rebbieħ Jean Paul Debono mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Żewg attivitajiet oħra kienu jinvolvu l-isparar u s-Snooker. Fir-ranges il-ġodda tal-isparar f’Ta’ Kandja sar il-Be Active Sport Shooting Cup, b’kompetizzjonijiet tat-Trap u Skeet. Min-naha tagħha il-Malta Billiards and Snooker Association organizzat turnament tas-Snooker fil-Ħamrun.

Anke l-istudenti kellhom iċ-ċans li jieħdu sehem fil-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport b’ġurnata iddedikata lill-isport fl-iskejjel. Attivita’ li ssir kull sena fl-iskejjel madwar il-pajjiż fl-istess ġurnata, fejn kull tifel u tifla jieħdu sehem f’120 minuta t’attivita fiżika.  L-iskop ewlieni huwa li tħajjar lil dawk it-tfal li, għal xi raġuni jew oħra, jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fl-isport, sabiex jibdew ikunu aktar parteċipi permezz t’attivitajiet li huma addattati ghall-kull livell ta abilta’.

Bħal ma hija t-tradizzjoni l-egħluq tal-Ġimgħa Ewropea għall-Isport sar bil-BeActive Night fil-kumpless sportiv ta’ Ħal-Kirkop.

Mijiet ta’ nies kellhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’diversi attivitatjiet li kienu kollha mingħajr ħlas u li koprew firxa wiesgħa ta’ sports. Fost dawn kien hemm  ir-Rugby, Judo, Badminton, Table-Tennis, Table Football, Mini-Snooker, Foot-Volley, sessjonijiet tal-Yoga u Aqua Fitness. Attivitajiet oħra kienu jinkludu ċ-Ċikliżmu u l-Mini-Moto.

Bosta midalji ġew mirbuħa fl-Indoor Rowing Challenge filwaqt li saret ukoll kompetizzjoni għat-timijiet fil-Weightlifting

Interessanti l-preżenza tal-logħba tradizzjonali għawdxija tal-Birilli.

Żagħżagħ u tfal kellhom ċans jippruvaw l-Abseiling bis-serata intemmet bi spettaklu ta’ żfin fis-sala prinċipali tal-iskola ta’ Hal Kirkop.

F’nofs il-BeActive Night, Malta ingħaqdet mal-pajjiżi l-oħra tal-Ewropa fil-#5minchallenge fejn il-kontinent sħiħ ħejja xi tip ta’ attivita’ bil-għan li jkun fiżikament attiv għall-ħames minuti.

Malta għażlet l-Indoor Rowing u fiha ħadu sehem ħaddiema ta’ SportMalta immexxija mis-segretarju parlamentari għaż-żagħżagħ, sport u għadiet volontarji Dr Clifton Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-parteċipazzjoni kbira li kien hemm fl-attivitajiet ta’ din is-sena. Parteċipazzjoni li turi li l-messaġġ li SportMalta trid twassal dwar l-importanza tal-isport f’ħajjitna qiegħed jasal dejjem aktar għand il-poplu. Ic-Chairman Dr Lucianno Busutill ukoll wera sodisfazzjoni tieghu bis-success ta’ edizzjoni ohra tal-avveniment hekk importanti.

Min-naħa tagħha Rose Marie Mercieca, koordinatriċi nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropeja tal-iSport, qalet li permezz tal-Gimgha Ewropeja tal-Isport, SportMalta tagħti l-opportunita’ lill-pubbliku sabiex jipprattika xi sport jew jieħu sehem f’attivitajiet fiziċi bil-għan li l-poplu malti jibqa’ jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet sportivi tul is-sena kollha.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”