Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

L-impjegati u l-veterani kienu protagonisti f’żewġ attivitajiet organizzati fil-ġimgħa ewropeja tal-isport.

Fit-23 ta’ Settembru, fil-kumpless sportiv Tal-Qroqq, sar turnament għall-veterani tal-Handball. Fih ħadu sehem ex plejers ta’ din id-dixxiplina sportiva u li għal bosta snin lagħbu fil-kompetizzjonijiet u kampjonati ewlenin. Ħafna mill-plejers kienu jagħmlu parti mit-timijiet nazzjonali.

Dawn il-plejers tal-Handball insew ir-rivalita’ sportiva u qattgħu ħin twil jilgħabu l-logħba li tant ikkompetew fiha ħafna snin ilu. Il-plejers kienu ġejjien minn klabbs differenti u ewlenin u t-turnament bejniethom sar fi spirtu sportiv u ta’ hbiberija. L-attivita’ intemmet b’riċeviment li matulu l-istess plejers veterani setgħu jaqsmu l-esperjenzi li kellhom fil-passat. Għalihom kienet esperjenza pożittiva u żgur li se sservi bħala pjattaforma biex fil-futur jerġgħu jiġu organizzati attivitajiet bejniethom ta’ dan it-tip bil-għan li jibqgħu attivi fl-isport.

SportMalta, li hija l-entita’ li tieħu ħsieb il-ġimgħa ewropeja tal-isport f’Malta, fdat lil-assoċjazzjoni maltija tal-Handball bl-organizzazzjoni ta’ din l-attivita’, b’mod speċjali mill-aspett tekniku.

Ir-rappreżentanta ta’ SportMalta Rose Marie Mercieca irringrazzjat lil dawk kollha li ħadu sehem u fakkret li l-għan ewlieni tal-ġimgħa ewropeja tal-isport hija li nkunu dejjem attivi xi ħaġa li l-plejers veterani urew li hija possibli.

L-għada t-tlieta il-Malta Employees Sports Association organizzat ġurnata ta’ sports fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-ħaddiema u impjegati. L-attivita’ bl-isem Workplace Sport Event kienet tinkludi turnaments tal-Volleyball, Table Tennis, Futbol tan-Nisa u għall-plejers irġiel ta’ ‘l fuq minn 35 sena flimkien ma’ ġirja ta’ ħames kilometri.

Filgħodu ġie organizzat turnament tal-Volleyball (Mixed), li fih ħadu sehem erba’ timijiet, kif ukoll turnament individwali tat-Table Tennis bis-sehem ta’ disa’ plejers. Wara nofsinhar saru żewġ turnaments tal-football – wiehed għall-irġiel li għalqu l-35 sena fejn hadu sehem sitt timijiet, u ieħor għan-nisa bis-sehem ta’ tlett timijiet. Wara nofsinhar sar ukoll turnament tal-Badminton, li fih hadu sehem sittax -il plejers.

L-ahhar attivita’ kienet il-ġirja ta’ hames kilometri li fiha ħadu sehem 76 atleta, fejn fil-kategorija maskili ħareg rebbieħ Jean Paul Debono mill-Forzi Armati ta’ Malta li għamel ħin ta’ 16-il minuta u 27 sekonda. Fit-tieni post spiċċa Aaron Mifsud (APS Bank) u t-tielet Matthew Xuereb (MCAST). Fil-kategorija femminili, fl-ewwel post spiċċat Margaret Seguna (Mater Dei Hospital) fi 19-il minuta u 34 sekonda. It-tieni spiċċat Caroline Ciappara (Education Dept) u t-tielet Pauline Briffa (St Francis School). L-eta’ tal-parteċipanti kienet tvarja minn 20 sa 60 sena.

Fil-futbol, it-turnament ta’ l-irgiel intrebaħ mill-Universita’, waqt li dak tan-nisa intrebaħ minn selezzjoni minn Għawdex.

Fit-Table Tennis ħarġet rebbieħa Jessica Pace, li kienet l-unika mara minn fost id-disa’ plejers li ħadu sehem.

It-turnament tal-Volleyball intrebah minn Volley Buddies 1 li rebhu t-tliet loghbiet taghhom.

Il-kompetizzjoni tal-Badminton kienet maqsuma fi tlett diviżjonijiet.

L-ewwel diviżjoni intrebħet minn kien Kenneth Vella (Health Dept), it-tieni diviżjoni ġiet mirbuħa minn Rebecca Spiteri (CML Training Centre) filwaqt li fit-tielet diviżjoni kien Joseph Mallia (Malta International Airport) li ħareġ rebbieħ.

L-impjegati parteċipanti kienu ġejjien minn dipartimenti tal-gvern kif ukoll mis-settur parastatali u privat.

Huma kienu maqsuma fi gruppi skond il-wirjiet tagħhom f’attivitajiet u kompetizzjonijiet li l-MESA  organizzat fix-xhur li għaddew.

Wieħed jittama li l-ħaddiema parteċipanti jieħdu fuq il-post tax-xogħol tagħhom l-esperjenza ta’ din il-ġurnata ta’ sports u jħajjru lill-impjegati sħabhom sabiex huma wkoll jibdew jinvolvu lilhom infushom fl-isports.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”