Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Għal sena oħra Malta se tingħaqad ma’ bosta pajjiżi oħra minn madwar l-Ewropa biex bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru torganiżża il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Dik ta’ din is-sena se tkun waħda speċjali hekk kif ħa tkun il-ħames edizzjoni.

Dan l-avveniment huwa fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u f’kull pajjiż partiċipant jiġi mtella’mill-organiżazzjonijiet sportivi nazzjonali. F’pajjiżna, SportMalta huwa l-koordinatur nazzjonali ta’ din il-ġimgħa sportiva u fl-okkazjoni tal-ħames edizzjoni qed jitħejja programm vast u intensiv t’attivitajiet sportivi li se jilħaq il-gosti ta’ kulħadd.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija waħda mill-għodod li l-Kummissjoni Ewropea ikkreat biex tgħin fil-ġlieda favur l-attività fiżika. L-għan ta’ din il-gimgħa hu li kemm jista’ jkun ċittadini Ewropej jintlaħqu mill-messaġġ #BeActive u jiġu ispirati biex l-attività fiżika, sempliċi kemm hi sempliċi, issir parti minn ħajjithom.

Ta’ kull sena miljuni ta’ ċittadini ewropej jingħaqdu flimkien f’dik li hija meqjusa bħala l-akbar inizjattiva sportiva fl-Ewropa. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun  l-ikbar waħda qatt organiżżata b’41 pajjiż parteċipant. Avveniment miftuħ għal kulħadd indipendentement mill-eta’, livell soċjali jew fiżiku.

Malta ħa tieħu sehem b’numru sabiħ ta’ attivitajiet organiżżati kemm minn SportMalta kif ukoll minn organiżazzjonijiet oħra mill-qasam tal-isport, l-edukazzjoni, ċentri tal-fitness u anke postijiet tax-xogħol.

Kif inhi tradizzjoni, f’Malta, din il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tagħlaq uffiċjalment Summer on the Move li għal sena oħra attira numru sabiħ ta’ parteċipanti. Apparti l-għadd kbir ta’ attivitajiet organizzati minn assoċjazzjonijiet u organizazzjonijiet lokali, jispikkaw dawk prinċipali imtella’  minn SportMalta. Fis-6 ta’ Settembru se tigi organizzata attivita’ fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq, fejn il-logħob tal-ilma se jkun protagonist.

Se jiġu organizzati wkoll zewġ avvenimenti filgħaxija. L-ewwel wieħed se jsir fl-20 ta’ Settembru fiż-Żejtun filwaqt li fit-28 ta’ Settembru se tiġi organiżżata il-#BeActive Night fil-Kumpless Sportiv ta’ Kirkop b’bosta attivitajiet sportivi għall-familja kollha.

Hemm ukoll il-#BeActive Awards bil-għan li jirrikonoxxu u jippremjaw dawk l-inizjattivi u individwi li jkunu għenu sabiex jippromwovu l-isport u l-attivita’ fiżika madwar l-Ewropa. It-tlett rikonoxximenti huma għall-aħjar inizjattiva fil-qasam edukattiv, fuq il-post tax-xogħol u anke għal dik il-persuna li tkun spikkat fil-ħidma tagħha favur l-isport. Ir-rebbieħ jigi ippremjat fit-18 ta’ Ottubru f’Budapest l-Ungerija, li għal din is-sena intagħżlet bħala l-belt kapitali ewropea tal-isport.

Il-kap eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal “li ninsabu entużjasti sabiex għal sena oħra din il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tkun suċċess mhux biss għall-ammont ta’ attivitajiet organizzati iżda wkoll għall-parteċipazzjoni mill-pubbliku.

L-għan prinċipali jibqa’ dejjem li nipromwovu l-isport u l-attività fiżika bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. Attivita’ fiżika li  għandha tkun kontinwa matul ħajjitna, li tibda mit-tfulija u tibqa’ għaddejja anke meta nikbru fl-eta’. Għal sena ohra rridu nwasslu l-messaġġ li l-isport isaħħaħ mhux biss l-aspett fiżiku tal-individwu iżda wkoll is-saħħa mentali”.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”