Open/Close Menu SportMalta is the Government of Malta’s entity for the development and promotion of Sport in Malta.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, inawgura l-proġett imwiegħed tar-rinovar tal-korsa tal-atletika fil-Marsa Sports Complex b’investiment ta’ madwar €600,000 minn SportMalta, li se tkun tista’ tilqa’ fiha kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-qasam sportiv huwa qasam ferm għal qalb il-Gvern, u fiż-żmien li ġej se nkunu qed naraw aktar investimenti f’aktar faċilitajiet sportivi, iżda fuq kollox investiment, u tħaddim bis-serjetà ta’ Strateġija Nazzjonali tal-Isport.

Il-Prim Ministru qal li f’pajjiżna għandna bżonn mentalità rebbieħa, ta’ poplu li għalkemm jaf li għandu l-limitazzjonijiet tiegħu, jaf iżda li għandu l-potenzjal biex jikseb aktar. Huwa sostna li dan il-potenzjal jista’ jinkixef aktar fil-beraħ billi jkun hemm aktar impenji sabiex isir aktar investiment b’saħħtu favur l-isport, fosthom billi n-nies li jħarrġu lill-atleti tagħna jkunu nies b’esperjenza kbira u bil-mentalità adatatta u li nibqgħu—kif diġà qed nagħmlu, u llum hija prova ħajja ta’ dan— ninvestu fil-faċilitajiet tagħna dejjem ħalli jkompli jitjieb dejjem aktar il-livell.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif permezz ta’ dan il-proġett, pajjiżna se jkollu korsa tal-atletika tal-ogħla livell fejn l-atleti Maltin jistgħu jitħarrġu b’mod professjonali u b’hekk tikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport li se titħabbar minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra.

“Permezz tal-proġetti sportivi li qegħdin nagħmlu se nkomplu nattiraw lejn pajjiżna t-turiżmu sportiv fejn ikollna timijiet u klabbs barranin f’pajjiżna. Qabel kellna trakka li kienet meqjusa bħala tat-tieni klassi, issa għandna trakka tal-ogħla livell. Il-pjaċir tiegħi mhuwiex biss minħabba l-fatt li se jkollna faċilità state-of-the-art li fiha l-atleti ikunu jistgħu jitħarrġu f’ambjent tal-ogħla livell, is-sodisfazzjon tiegħi huwa ġej mill-fatt li se jkollok it-tfal Maltin li se jkunu jistgħu joħolmu li permezz ta’ taħriġ hawnhekk, jiksbu riżultati fuq livell internazzjonali għaliex jien tassew nemmen li aħna pajjiż ta’ winners”, stqarr is-segretarju parlamentari.

Ix-xogħol estensiv li sar fil-Faċilità tal-Atletika fil-Marsa Sports Complex sar matul ix-xhur ta’ Ottubru 2018 u Marzu 2019, li kien jinkludi l-qlugħ tal-wiċċ sintetiku kollu, tiswijiet fuq il-wiċċ tal-asfalt, livellar totalment ġdid tar-run-ups tal-javelin u tal-areas kollha tal-pole vault u l-high jump, il-kostruzzjoni mill-ġdid ta’ erba’ ċrieki tat-throws, il-kostruzzjoni ta’ run-up u żewġ sand pits ġodda għal-long jump, tiswija fuq il-water jump fl-isteeplechase u t-tqegħid ta’ wiċċ sintetiku ġdid fuq livell ta’ Kategorija 1 tal-IAAF li huwa l-ogħla kategorija għal faċilità tal-atletika. Dan ifisser li t-trakka tal-Marsa għandha wiċċ sintetiku li jilħaq livell Olimpiku.

Dan il-proġett huwa parti minn programm estensiv ta’ finanzjament għat-titjib ta’ faċilitajiet sportivi, li se jkunu qed jospitaw il-Logħob tal-Pajjiżi z-Żgħar tal-Ewropa f’Malta fl-2023.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”