Il-ħiliet li hemm bżonn sabiex tkun atleta professjonali, l-isfidi li jiffaċċjaw l-atleti flimkien mar-rwol tal-media sportiva kienu t-temi li ddominaw it-tieni u l-aħħar ġurnata tal-forum nazzjonali tal-isport fil-lukanda The Palace tas-Sliema s-sibt filgħodu.

Fost il-kelliema barranin spikka John Steele, personalita’ prominenti tal-isport fir-Renju Unit. Steele kien serva bħala kap eżekuttiv ta’ UK Sport, organiżżazzjoni li kellha l-għan li ttejjeb il-livell tal-atleti brittanniċi fil-logħob olimpiku u li waslet għal-rebħ rekord ta’ midalji minn Team Britain fl-edizzjonijiet ta’ Londra u Rio.

Steele wera kif l-atleti brittanniċi wasslu biex minn total ta’ 15-il midalja mirbuħa fil-logħob olimpiku ta’ Atlanta fl-1996 rebħu 67 midalja f’Rio fl-2016. Biex wasslu għal dawn ir-riżultati kellhom ibiddlu l-istrateġija sportiva fir-Renju Unit.

Bdew mis-settur tat-tfal hekk kif kollox jibda mill-iskejjel u mill-klabbs. Hemm bżonn li jsir ħafna xoghol f’dan is-settur għax l-ewwel esperjenza li t-tfal ikollhom fl-isport hija dik li tinfluwenzahom fil-futur. Huwa għal dan il-għan  li kull min hu involut fit-taħrig tat-tfal ikun jaf kif għandu jiggwidahom.

John Steele ghadda biex tkellem dwar ċertu fatturi li jtappnu r-reputazzjoni tal-isport u l-isportivi. Huwa importanti li ssir bidla fil-kultura sportiva u kif il-pubbliku jharsu lejn l-isport. Sfortunatament ċertu imgieba minn atleti, teħid ta’ sustanzi illegali, il-korruzzjoni u l-vjolenza qed inaffru ħafna nies mill-isport.

Meta jsiru l-bidliet wieħed ma għandu qatt jiddejjaq li jisfida is-sistema. Steele qal li meta kien qed jaħdem fil-qalba tal-isport fir-Renju Unit ma ddejjaqx jieħu deċiżjojnijiet u inizjattivi li fil-bidu deheru strambi jew impossibli li jitwettqu.

Dejjem żamm f’moħħu wkoll il-bidliet li għaddejja fid-dinja tal-lum u mexa ma’ dawn il-bidliet

Tkellem ukoll dwar il-problemi emozzjonali u psikoloġiċi li l-atleti jiffaċċjaw waqt il-karriera sportiva tagħhom. Problemi li qiegħdin dejjem jiżdiedu. Dawn iridu jigu indirizzati sew u l-entitajiet sportivi għandhom joffru aktar appoġġ f’dan ir-rigward.

John Steele temm l-intervent tiegħu billi saħaq li jekk pajiz irid ikollu suċċess fl-isport irid jagħraf li hemm bżonn jittieħdu deċizjonijiet iebsa u mhux daqstant popolari. Deċiżjonijiet bħal dawk li ittieħdu fir-Renju Unit fejn wara li raw liema kienu d-dixxiplini sportivi li bihom kellhom cans kbir ta’ success, iffukaw fuqhom finanzjarjament. Għaraf il-fatt li din l-istrateġija mhiex daqstant popolari, izda staqsa jekk hux aħjar li tkun brillanti fi ftit sports jew inkella medjokri f’ħafna dixxiplini sportivi.

Il-forum ghadda biex iffoka fuq l-atleti li jsibuha diffiċli sabiex jibnu karriera sportiva u fl-istess waqt ikomplu bix-xoghol professjonali taghhom.

L-ewwel kelliema kienu d-direttur tas-servizzi tal-MCAST Philip Vella, u l-lecturer fl-Universita’ ta’ Malta Dr Andrew Decelis li fissru l-ħidma li qed issir f’pajjizna mal-atleti tagħna.

Min-naħa tagħha Adele Muscat, sports psychologist fl-iskola nazzjonali tal-isport, tkellmet fuq l-istress li jgħaddu minnu ħafna studenti fit-tentattiv li jibbilanċjaw l-istudju mal-isport. L-iskola nazzjonali tal-isport tgħin u tiggwida lit-tfal dwar kif jistgħu isibu dan il-bilanċ. Għajnuna li għandha tingħata wkoll lil tfal ta’ skejjel oħra.

Il-forum ġie indirizzat ukoll minn Guy Taylor, direttur tat-Talented Athlete Scholarship Scheme. Huwa tkellem dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom dawk l-atleti li apparti l-karriera sportiva għandhom karriera ohra ta’ xogħol professjonali.

It-TAAS taħdem sabiex toħloq sistemi li jaraw li l-atleta jkun jista’ jistudja u jitħarreġ fl-isport. Tgħin sabiex atleta jiżviluppa fis-sħiħ il-potenzjal tiegħu kemm fl-isport kif ukoll fl-istudju jew ix-xoghol. Wieħed irid dejjem iżomm f’moħħu li se jkun hemm mument meta l-karriera sprotiva ta’ atleta ħa tasal fi tmiemha. Ghalhekk hu ta’ importanza li wara li jtemm din il-karriera sportiva, l-individwu jkun jista’ jkompli ħajtu bil-professjoni li jkun dejjem xtaq li jagħmel. It-TAAS tgħin sabiex atleta jiżviluppa fl-isport, fl-istudju u fil-professjoni tiegħu biex finalment jkun jista’ jilħaq il-potenzjal f’ħajtu.

Tema oħra diskussa kienet ir-rwol tal-media sportiva. Pierre Cassar, li għandu esperjenza kbira fil-qasam tax-xandir, tkellem dwar kif il-komunikazzjoni tista’ tkun effettiva. Importanti li wieħed ikun ċar f’dak li qed jirrapporta, mingħajr tul żejjed u kliem tekniku tqil. Ġurnalist irid ikun jaf l-udjenza tiegħu u dejjem iżomm f’moħħu għal min qed jirrapporta. Ġurnalist irid ukoll jagħraf juża mezzi ta’ komunikazzjoni differenti. Irid jimxi mat-tibdil taż-żminijiet hekk f’dawn l-aħħar snin imxejna mill-ġurnalizmu stampat għas-social media u n-news portals.

Il-president tal-għaqda ġurnalisti sports Sandro Micallef appella lill-assoċjazzjonijiet sportivi sabiex jinvestu fis-settur tal-komunikazzjoni tagħhom.

Qal li minħabba l-fatt li f’pajjizna huma ftit il-gurnalisti full time, l-assoċjazzjonijiet iridu jgħinu lill-istess ġurnalisti fil-promozzjoni tal-isport tagħhom. Dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu faċilment jibagħtu rapporti qosra u konċizi, preferibbilment b’ritratti jew filmati ta’ kwalita’ tajba.

Il-forum gie fi tmiemu b’intervista lis-segretarju parlamentari għaz-zagħzagħ, sport u għaqdiet volontarji l-onorevoli Clifton Grima. Irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul dan il-forum. Qal li minn dejjem kienet il-viżjoni tal-gvern li ma jingħalaqx fih innifsu iżda li niddiskutu bejnietna u nieħdu t-tajjeb ta’ xulxin.

Dr Grima qal li wasal iż-żmien li nagħmlu qabża fil-kwalita’. Bżonn li intejjbu u insaħħu l-istrutturi tagħna u insiru aktar professjonali. Ħabbar li għal dan il-għan inħatar kumitat sabiex joħloq strateġija għall-isport lokali. Strateġija li tħares b’mod ambizzjuż lejn l-isport.

Irridu wkoll niżviluppaw lill-atleta bħala individwu sabiex ikun ta’ eżempju għall-oħrajn li allura jitħajjru huma wkoll li jibdew jipprattikaw l-isport. Hemm bżonn ukoll li nidħlu fl-iskejjel u naraw min huma dawk it-tfal li jippromettu fl-isport.

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”