Ġiet imnedija l-għaxar edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run 2018 li din is-sena ser issir nhar l-4 ta’ Novembru u li bħal dejjem issir b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, Mark Cutajar ħabbar li r-rotot ser jibqgħu dawk li issa indraw mill-Maltin u l-Għawdxin.

Il-mixjiet jitilqu mill-Universita’, minn Santa Venera u minn Raħal Ġdid, filwaqt li l-ġirja titlaq mir-Rabat. Ir-rotot kollha jingħaqdu qrib Bieb il-Bombi, meta imbagħad jimxu flimkien lejn Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.

F’diskors qasir, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li bħal kull sena, il-Fun Run għandha tkun ċelebrazzjoni – ċelebrazzjoni tal-volontarjat, ċelebrazzjoni ta’ għaqda celebrazzjoni ta’ solidarjeta u tal-ġenerożita’ – valuri li jiddistingwuna minn oħrajn.

“Minn qalbi nittama li dakinhar tal-4 ta’ Novembru nkunu għal din l-attivita’, sabiex flimkien, nkunu ta’ spalla għal dawk ħutna Maltin u Għawdxin li ta’ kuljum jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund Foundation,” tenniet il-President.

Dawk kollha li interessati jipparteċipaw għandhom jirrikorru fl-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund Foundation, il-Belt Valletta, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, fil-fergħat ta’ BNF Bank, jew fl-ispiżeriji ta’ Brown’s. Applikazzjoni tista’ timtela’ wkoll fuq is-sit www.mccf.store

CategoryNews, SportMalta News

“Moving a nation through the promotion and development of sport for a healthy, inclusive and successful Malta.”