Estiż il-perjodu għas-sejħa t’interess għall-Marsa Sports Village

Il-Kunsill Malti għall-Isport estenda d-data għas-sottomissjonijiet ghas-sejħa t’interess, ghall-iżvillupp u t-tmexxija tal-Marsa Sports Village b’erba’ ġimgħat, biex issa dawk l-iżviluppaturi interessati jistgħu jissottomettu l-interess tagħhom sas-27 ta’ Ottubru 2011.

Oriġinarjament id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet kienet is-27 ta’ Settembru izda din it-talba qed tigi estiza wara għadd ta’ talbiet minn investituri prospettivi li talbu għal aktar żmien sabiex jevalwaw ahjar il-proposti ghall-proġett. Għaldaqstant il-perjodu ghax-shortlisting, il-proposti u l-għażla tal-iżviluppatur se jimxu wkoll.

Il-proġett tal-Marsa Sports Village li se jkun mifrux fuq madwar 812,000 metru kwadru ta’ art u se jiġbor fih għadd ta’ dixxiplini sportivi li jsiru fuq barra u se joffri aktar faċilitajiet u faċilitajiet aħjar fosthom Ċentru Ekwestriju, pitches għar-Rugby, u Akkademja tal-Golf li magħquda mal-korsa eżistenti tifforma korsa tal-golf ta’ livell internazzjonali.

Il-Marsa Sports Village se jkun qed jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-isports permezz ta’ investiment bi sħab mal-privat. B’hekk ikun qed jiġi sfruttat il-potenzjal kummerċjali tal-art allokata għall-iżvilupp, jitkabbar it-turiżmu sportiv, jiżdied id-dħul finanzjarju għal pajjiż u jinħolqu impjiegi ġodda.

Minn naħa tiegħu l-investitur prospettiv se jkollu l-obbligu li jizviluppa l-faċilitajiet sportivi skont standards internazzjonali kif specifikat mill-għaqdiet sportivi involuti filwaqt li jieħu ħsieb l-operat u l-manutenzjoni tagħhom matul is-snin. L-iżviluppatur prospettiv se jkun obbligat wkoll li jipprovdi spazji miftuħa għall-mixi, ġiri u ċikliżmu li se jkunu miftuħa għall-pubbliku bla ħlas.

Il-komunità sportiva se tkun qed tgawdi minn facilitajiet ta’ livell internazzjonali, amministrazzjoni professjonali u ċentralizzata mingħajr ma titgħabba bil-piżijiet finanzjarji ta’ dawn il-ħtiġijiet.

Huwa ikkalkulat li madwar 44 entità sportiva u 10,000 persuna se jkunu qed jibbenefikaw mill-faċilitajiet ġodda li se jkunu offruti fil-Marsa Sports Village.