L-Onor Clyde Puli jżur il- KSU Freshers Week fl-Università ta’ Malta u jvara inizjattivi ġodda għaż-żgħażagħ
L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport dalgħodu żar il- KSU Freshers Week fl-Università ta’ Malta fejn żar l-istands tal-għaqdiet tal-istudenti universitarji filwaqt li nieda inizjattivi għall-istudenti.
Waqt iż-żjara tiegħu s-Segretarju Parlamentari żar l-istand imtellà minn Aġezija Żgħażagħ li din is-sena qed ikollha preżenza fil-freshers week tal-Università; l-Junior College u l-MCAST. Fl-istand ta’ Aġenzija Żgħażagħ l-Onor. Puli nieda żewġ kotba ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ, wieħed b’numru ta’ servizzi offruti mill-Gvern għaż-żgħażagħ u ktejjeb dwar l-għaqdiet volontarji.
Waqt din it-tnedija hu qal li waħda mill-funzjonijiet tal-Aġenzija huwa li tipprovdi informazzjoni ta’ kwalità liż-żgħażagħ u żied li wara t-tnedija tal-youth portal l-Aġenzija bdiet taħseb li tiżviluppa metodi oħra sabiex twassal l-informazzjoni liż-żgħażagħ.
Fl-istess żjara l-Onor Puli żar ukoll l-istand tal-Malta University Sports Club (MUSC) fejn hemmek nieda skema sportiva li l-KMS se ttella’ flimkien ma’ dan il-klabb fejn studenti Universitarji se jkunu jistgħu jużaw il-pixxina u l-gym f’Tal-Qroqq b’rati mnaqqsa.
Hu sostna li l-Gvern permezz tal-Kunsill Malti għall-iSport hu kommess li jgħin u jagħti daqqa t’id lill-għaqdiet sportivi taż-żgħażagħ f’inizjattivi sportivi li joħolqu, bil-għan li tinfirex il-kultura sportiva.